fbpx

Il-vaċċini tal-virus Covid-19

Miktub minn
Reklam

Wara ħafna stennija kif mistenni sabiex ikolna xaqq tama biex
id-dinja tersaq fit-tmiem tal-pandemija ikkawżata mill-virus Covid-19,
waslu wkoll l-ewwel konsenji ta’ vaċċini f’pajjiżna. Il-fehmiet ta’ bosta
huma diversi, min jrid jeħodha mill-aktar fis u min għadu xettiku jew
beżgħan il-għaliex ġiet żviluppata fi żmien relattivament qasir minn
kemm ħadu biex ġew żviluppati vaċċini oħrajn.

Tajjeb ngħidu li l-familja tal-coronaviruses li għaliha jappartjeni
il-Covid-19 ilhom jiġu studjati mix-xjenzati għal bosta snin il-għaliex dan
ma kienx l-ewwel wieħed li kkawża mard fil-bniedem.
Biss biss insemmu il-coronavirus li kkawża l-epidemija SARS fl-2002 u dak tal-MERS li wkoll ikkawża epidemija fl-2012. Bla dubju iżda li kien
il-coronavirus Covid-19 li kkawża pandemija globali u nistgħu ngħidu li
ġab lid-dinja għarkupptejha.

Kienet propju din ir-raġuni ta’ emerġenza globali li wasslet sabiex
ix-xjenzati ikkoperaw flimkien u qasmu l-istudji tagħhom filwaqt li
gvernijiet madwar id-dinja taw biljuni ta’ flus sabiex jiġi żviluppat
vaċċin fl-iqsar żmien possibbli.

Tajjeb ngħidu iżda, li l-proċeduri u regolamenti rigorużi neċessarji
fil-proċess ta’ żvilupp tal-vaċċin, u waqt il-provi kliniċi fuq persuni volontarji ġew imħarsa f’kull stadju sabiex jiġu issalvagwardjati s-sigurta’, il-kwalita’ u l-effettivita’. It-tlett pilastri li fuqhom tiġi żviluppata kull mediċina.

L-ewwel vaċċin approvat mill-aġenzija Ewropea tal-mediċini wara
aktar proċessi rigorużi, kien dak li żviluppaw il-kumpaniji ġkanteski
Pfizer u BioNtech, li propju semmewha Comirnaty. Hija ġiet ippruvata
fuq 44,000 persuna minn 16-il sena ‘il fuq li offrew li jkunu parti
mill-proċess ta’ testijiet kliniċi. Ir-riżultati fuq dan l-għadd numeruż ta’
persuni wrew 95% effettivita’ anka f’persuni b’kundizzjonijiet mediċi
bħal dijabete, ażma, obeżita’ jew pressjoni għolja.
Hija ġiet liċenzjata għall-użu minn 16-il sena ‘il fuq u tingħata fid-driegħ f’żewġ injezzjonijiet, bit-tieni doża tingħata 21 ġurnata wara dik ta’ l-ewwel.

Simili għal meta jingħataw vaċċini oħra, l-effetti mhux mixtieqa
l-aktar frekwenti li kellhom persuni li ingħataw dan il-vaċċin kienu
uġiegħ fejn ingħatat l-injezzjoni, uġiegħ ta’ ras, ftit deni u għejja.
Il-kumpanija li żviluppat dan il-vaċċin flimkien ma’ l-aġenzija Ewropea
tal-mediċini se jkomplu moniteraġġ tas-sigurta’, effettivita’ u l-kwalita’ ta’ dan il-vaċċin kif wkoll studji fit-tfal, nisa’ tqal u persuni bi problemi
fis-sistema immunitarja. Se jkun qed isir moniteraġġ wkoll għal kemm tul ta’ żmien dan il-vaċċin ikopri immunita’ mill-virus Covid-19.

It-tieni vaċċin li ġie approvat mill-aġenzija Ewropea tal-mediċini wara
aktar proċessi rigorużi, kien dak tal-kumpanija Amerikana Moderna li
semmewha Covid-19 vaccine Moderna.
Hija ġiet ippruvata fuq 30,000 persuna minn 18-il sena sa 94 sena li offrew li jkunu parti mill-proċess ta’ testijiet kliniċi. Ir-riżultati fuq dan l-għadd numeruż ta’ persuni wrew 94.1% effettivita’ anka f’persuni b’kundizzjonijiet mediċi bħal problemi fil-qalb u fil-fwied, ażma, obeżita’ kif ukoll f’persuni bl-HIV.

Hija ġiet liċenzjata għall-użu minn 18-il sena ‘il fuq u tingħata fid-driegħ f’żewġ injezzjonijiet, bit-tieni doża tingħata 28 ġurnata wara dik ta’ l-ewwel.

Simili għal meta jingħataw vaċċini oħra, l-effetti mhux mixtieqa l-aktar frekwenti li kellhom persuni li ingħataw dan il-vaċċin kienu uġiegħ fejn ingħatat l-injezzjoni, uġiegħ ta’ ras, dardir, ftit deni u għejja. Il-kumpanija li żviluppat dan il-vaċċin flimkien ma’ l-aġenzija Ewropea tal-mediċini se jkomplu moniteraġġ tas-sigurta’, effettivita’ u l-kwalita’ ta’ dan il-vaċċin kif wkoll studji fit-tfal, nisa’ tqal u persuni bi problemi fis-sistema immunitarja.

Se jkun qed isir moniteraġġ ukoll għal kemm tul ta’ żmien dan il-vaċċin ikopri immunita’ mill-virus Covid-19 iżda fi stqarrija waqt konferenza li saret mill-kumpanija Moderna din il-ġimgħa intqal li l-immunita’ mistennija
iddum minn ta’ l-anqas sena.

Iż-żewġ vaċċini jaħdmu bl-istess metodu – huma fihom il-materjal ġenetiku tal-virus Covid-19, li jissejjaħ mRNA. Dan il-materjal ġenetiku jagħti struzzjonijiet liċ-ċelloli tal-ġisem sabiex jipproduċu proteina bħal dik li tinstab fuq barra ta’ l-istruttura tal-virus, biex b’hekk is-sistema immunitarja tal-ġisem tiżviluppa protezzjoni naturali kontra l-virus.

Meta persuna verament tiltaqa’ mal-virus innifsu, hija diġa’ jkollha protezzjoni kontrieh. Ma jfissirx li persuna ma timrad qatt bil-virus
Covid-19 iżda is-sintomi ikunu ħfief.

Tajjeb ngħidu li l-vaċċini kollha jagħmlu dan – jiġifieri jibdew proċess
naturali ta’ immunita’. Ma hemm l-ebda riskju li persuna timrad bil-virus Covid-19 mit-teħid tal-vaċċin. Il-materjal ġenetiku jiddisintegra ftit jiem wara li jiġi ngħatat il-vaċċin u għalhekk ma hemm l-ebda mod li dan jista’ jaffettwa il-materjal ġenetiku tal-bniedem jew xi teoriji skorretti oħra li qed jinfirxu fuq il-midja.

L-ilbies tal-maskri, id-distanza soċjali, kif ukoll il-miżuri preventivi
l-oħra xorta għandhom jibqgħu jiġu mħarsa sakemm nisperaw li jiġi
ddikkjarat globalment it-terminazzjoni tal-pandemija.

L-Ispiżjara Kathryn Galea

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese