Hi u tħares lejn wiċċha fil-mera ntebħet f’liema gravita spiċċat. Il-koħol li kellha m’għajnejha ma kinux ċajt u għalxejn ippruvat tgħattihom għax xorta baqgħu jidhru. Kien jeħtieġ li tieħu deċiżjoni qabel ikun tard wisq u jkollha tħallas b’ħajjitha.
Ma kinitx faċli tagħmel dan għax dejjem ittamat li s-sitwazzjoni ta’ bejniethom għad titjieb. Wara kull xebgħa li kienet taqla’ mingħandu dejjem kien jgħidilha li ddispjaċih talli għamel u li din l-istorja mhux ser terġa tirrepeti ruħha iżda mbagħad mal-ewwel argument kien jikser il-ħalfa tiegħu stess.
Kien hemm ħafna nies madwarha li ridulha l-ġid billi ppruvaw jiftħulha għajnejha. Oħtha l-għażiża kemm-il darba qaltilha biex tmur l-għassa tagħmillu rapport lill-pulizija imma hi kienet tibża’ mit-theddid tiegħu. Hekk kif mesħet għajnejha li kienu għadhom kollu dmugħ qamet minn bilqiegħda u bdiet tippakkja ħwejjiġha.
Kif kienet qed tagħmel dan daħal fil-kamra l-ġuvni li malajr induna x’kienet qed tagħmel għalhekk ippruva jwaqqafha.
‘’Titlaqnix, taf li ma ngħixx mingħajrek’’
‘’Xbajt f’din il-ħajja! Ma jistax ikun inkompli sejra hekk’’
‘’Jiddispjaċini mhux apposta. Ma nafx xi ġrali dak il-ħin, intlift!’’
‘’Ħares lejn wiċċi. Pjaga waħda ġibtuli imma kun af li l-ferita li għandi f’qalbi hija ħafna akbar minn hekk’’
Mar jgħannaqha miegħu biex jitlobha taħfirlu ta’ dak kollu li għamlilha iżda dakinhar kienet deċiża. Ma riditx terġa’ taqa’ għan-nassa tiegħu għalhekk talbitu biex iħalliha ħa tkun tista’ titlaq minn dak il-post misħut. Hu ħalliha imbagħad kif ħarġet barra ħareġ fil-gallarija biex jaraha sejra.
‘’Hawn terġa’ tiġi. Dik ma toqgħodx mingħajri’’ Qal bejnu u bejn ruħu iżda din id-darba kien żbaljat għax ma marritx lura mill-pass li ħadet. Qatt aktar ma reġgħet lura għandu.