fbpx

ŻMIEN LI MA NINSA QATT – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Fejn telaq iż-żmien uniku ta’ ċkuniti? Kont ngħid fittex nikber u nsir adult. Imma issa. Issa li wasal iż-żmien, nimmisja l-mumenti momentarji li kelli ma’ sħabi. Il-logħob, il-praspar, id-daħk u l-bużż li konna nieħdu flimkien. Żmien efemeru. Żmien li temm malajr. Żmien minsi minn uħud. Imma mhux minni żgur.

Niftakar noħroġ mawra mal-Birgu. Niltaqgħu l-pjazza ħelwa l-għandna. U nibdew il-parlati waqt li nimxu mixja estiża mal-belt. Nibdew mix-xatt sabiħ, mimli dgħajjes u individwi jieklu f’ristoranti. Niefqu ftit f’nofs ix-xatt, ngħidu kelmtejn fuq biċċa art li konna nsejħulha ‘penisola’. Wieħed jaħseb għalxiex… għax qisha biċċa art minura ħierġa mix-xatt fejn konna noqgħodu nirilassaw u noqgħodu npaċpċu. Minn hemm nipproċedu lejn l-aħħar tax-xatt. Hemm ħanut ċkejken, b’imwejjed tal-injam kbar u tondi. Konna nixtru x’nixorbu. Aktar skuża biex ma jkeċċunix imma msomma. Kont noħroġ is-sett tal-logħob li jkolli. Dejjem b’xi logħba ġdida. U konna noqgħodu nilgħabu hemm. Min jarana jgħid “ara dawk hemm x’inhuma jagħmlu” u probabbli jidħku bina. Iżda, aħna nafu kemm konna nidħku u nagħmlu memorji b’dawk il-logħob. Logħob ta’ diskussjoni, gost u manipulazzjoni. Lilhom konna nfittxu. Wara siegħa jew anke tnejn, konna nkomplu nimxu lejn it-Toqba tal-Birgu.

Jinstema’ isem umoristiku. Imma konna u għadna ngħożżuh wisq. Nimxu bil-mod, nammiraw il-madwar. Minn hemm inkomplu. Immorru lejn il-famuż Mandraġġ (tal-Birgu). L-istess. Nammiraw is-swar u d-djar li hemm. Minn hemm inkomplu għaddejjin sakemm naslu ħdejn il-ħanut diminuttiv iżda kulħadd jaf bih, għand ‘Feliċ’. Konna nixtru xi ‘juice’ tal-ħawħ (il-Frutana) u xi ċikkulata. Nibqgħu tilin. Ngħaddu ħdejn ‘Cafe Riche’ u nersqu lejn Bormla. Dak iż-żmien kien hemm il-grawnd żgħir miftuħ u konna noqgħodu hemm. Nintefgħu mal-art ħdejn xulxin. Niflu l-istilel u l-kwiekeb. Xi tnejn jew tlieta minna kienu joqgħodu jparlaw. Waqt li l-kumplament, konna nitfgħu kanzunetta u noqgħodu nkantaw jew niżfnu mar-ritmu tagħha. Ma konniex żeffiena ta’ barra minn hawn. Imma għalina kien mument fejn nintilfu mir-realta’ u niżuffjettaw. Sens ta’ allegrija. U feliċita’. Konna nitgħaxqu f’mumenti hekk.

Meta jibda jsir il-ħin konna mmorru lejn il-lokazzjoni minn fejn bdejna, il-pjazza. Konna nilgħabu logħba ħarba. Logħba tradizzjonali li ma ninsa qatt. Niftakarni dejjem konna inkunu l-istess timijiet: is-subien kollha u l-bniet u jien. Il-bniet kienu l-ħbieb tal-qalb u ma kont nidejjaq xejn magħhom. Niftakar nidħku u nagħmlu praspar f’waqthom. Jew nistaħbaw bejn karozza u ħajt u ngħoxew bid-daħk jekk jgħaddi xi ħadd minn ħdejna. Jew ninżlu minn taraġ li tant indumu naħsbu li ħa ninqabdu mit-tim l-ieħor li vera jilħqu jiġu u jaqbduna. Mmm. Anke nitkellem fuqu, jaqbadni sens ta’ nostalġija u ferħ kbir. Nikteb u nitbissem.

TMIEM

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese