fbpx

L-Għajdut – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Id-Dar tal-faċċata kienet inxtrat minn koppja li kien għad kellhom żewġt itfal żgħar. Ma kinux mir-raħal għalhekk ħadd ma kien jafhom. Kulħadd beda jitkellem fuqhom u ħafna kienu dawk li ppruvaw jitkixxfu biex isiru jafu iżjed.

Il-Mara bħal donnha spikkat aktar għax kienet fuq fomm kulħadd. Kien hemm ħafna li ma ħadux grazzja magħha mingħajr lanqas biss jafuha jew imqar kellmuha darba u dan kollu għax kienet iżżommha. L-aktar li kienu jinzertawha kien fejn l-iskola meta tmur twassal jew tistenna lit-tfal. Bħas-soltu n-nisa kollha kienu joqgħodu qaqoċċa u kulħadd jgħid tiegħu.

‘’Kemm tridha din il-mara, imkabbra wisq’’

‘’U issa biex twassal it-tfal hemm bżonn tilbes dak l-ilbies?’’

‘’U xi ngħidu għal xagħarha dejjem miġbur pulit’’

‘’Aħseb u ara meta tħallih lixx u mniżżel f’din is-sħana kollha biex issa tmur id-dar u lanqas toħroġ minn hemm’’

‘’Ma ndumux ma nisimgħu li daqt tinfired minn mar-raġel’’

‘’Tgħid mhux se tkun marti u nħalliha ġġib ruħha hekk’’

U l-għajdut kienu jibqgħu għaddejjin. Hi kienet tgħaddi minn quddiemhom, issellem u tibqa’ miexja.

Hekk kif tasal id-dar kienet tmur tbiddel u tibda l-faċendi tal-ġurnata u ma’ nofsinhar bumm ikollha tieqaf biex tistrieħ. Malli jsir il-ħin biex terġa’ tmur għat-tfal kienet tqum u tmur tbiddel imbagħad minn fuq it-twaletta tieħu l-parrokka u tmur quddiem il-mera biex tirranġa xagħarha sew. Meta tilbes il-parrokka kienet tħossha ħafna aħjar għaliex tħossha kompluta u għal ftit tinsa l-kanċer qerriedi li għandha.

U kif tħossha sodisfatta kienet titbissem tbissima żgħira li timliha b’kuraġġ u terħilha lejn l-iskola ħerqana biex terġa’ tara lil uliedha u tgħannaqhom magħha. 

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese