fbpx

L-Aħwa – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Clara kellha għaxar snin filwaqt li oħtha ż-żgħira Melissa kienet ser tagħlaq sitt snin. Ta’ dik l-età sabu ruħhom ġo stitut wara li mara li qatt ma kienu raw b’għajnejhom qabel ġiet id-dar u ħadithom magħha. Għall-bidu ma setgħux jifhmu x’kien qed jiġri imma mbagħad malajr fehmu li l-istitut kien ser isir id-dar tagħhom. Il-ġenituri tagħhom kienu mietu b’aċċident tat-traffiku, kienet ħabta kerha u mietu mad-daqqa.

Ma kinitx faċli sabiex jaddattaw għal ħajja ġdida meta huma kienu mdorrijin fil-fsied t’ommhom u missierhom. Melissa kienet tibki lejl u nhar għax ma setgħetx tifhem kif il-bambin ħadilha lil ommha u ma riedx itihila lura. Clara kienet tagħmel li tista’ biex tgħin lil oħtha iżda hi riedet min isabbar lilha.

Għeluq is-sitt xhur li kienu ilhom hemm, ġiet koppja biex taddotta tifla. Mill-ewwel ħadu grazzja ma’ Clara għalhekk saqsew jekk hemmx il-possibilità li jagħżlu lilha. Is-soru bagħtet għal Clara u staqsietha xtaqitx li tmur tgħix ma’ familja ġdida. Għajnejn Clara mtlew bid-dmugħ u l-koppja ndunat.

‘’Ma tridx tiġi tgħix magħna u jkollok familja mill-ġdid?’’

‘’Nixteq kieku imma ma nistax nitlaq u nħalli lil oħti warajja. Dik lili biss għandha’’

Għal koppja kienet aħbar ġdida għax ma kinux jafu li Clara kellha oħtha iżgħar minnha. Ġew bejn ħalltejn x’għandhom iwieġbu quddiemha għalhekk il-Madre bagħtet it-tifla lura fil-kamra tagħha biex ikomplu jitkellmu bil-kwiet.

‘’Tifhimna naħseb Madre li ma konniex ippreparati għal aktar minn tifla waħda’’

‘’Għandkom raġun. Jekk tridu nista’ ntikom ftit taż-żmien biex taħsbuha però ma rridx li t-tifla tiġi kontra qalbha. Jekk intom tixtiequ tifla waħda jkollkom tagħżlu oħra, tinkwetawx hawn ħafna tfal ubbidjenti bħal Clara’’

Ġimgħa wara kellhom jiġu jagħtu risposta lil Madre. Wara li tkellmu, l-Madre reġħet għajtet lil Clara.

‘’Clara, din il-koppja tixtieqek ħafna li tmur magħhom. Reġgħu ġew apposta għalik biex ikellmuk’’

Clara ħarset lejn il-koppja u mbagħad daret fuq il-Madre u qaltilha
‘’Madre nixtieq ħafna naċċetta imma ma nistax’’

‘’U xi tgħid li kieku ngħidulek li aħna lesti nadottaw lil Melissa wkoll, hux hekk jisimha oħtok?’’

Għajnejn Clara xegħlu u setgħu jaraw id-differenza fiha.
‘’Trid taħsibha ftit?’’

‘’Jekk twegħduni li tieħdu lil oħti wkoll naċċċetta’’

Ftit tax-xhur wara Clara u Melissa dehru ħerġin id f’id mal-ġenituri l-ġodda tagħhom. Kif waslu d-dar sabu sorpriża tistennihom. Dak li qatt ma mmaġinaw f’ħajjithom kien ser isir realtà għaliex il-koppja kienet sinjura sew u żgur ma kinux ser ibatu finanzjarjament. Iż-żmien kompla għaddej u minn żewġt itfal issa kienu saru tfajliet il-ġmiel tagħhom. Kienu grati ħafna lejn il-ġenituri addottivi għaliex għal darb’oħra bis-saħħa tagħhom seta’ ikollhom ħajja mimlija mħabba.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese