Ħafna nies kienu jistkerħuha lix-xwejħa Mananni ħabba d-dehra fqira tagħha. Kull meta kienu jarawha tħuf barra tista’ tgħid in-nies kollha tar-raħal kienu jaħarbuha għax għal uħud kienet tal-mistħija li jidhru jsellmulha jew aktar u aktar ikellmuha. Anke laqmijiet li jweġġgħu l-qlub kienu sabulha.
Iżda Mananni ma kinitx dik li tidher. Kellha qalbha tad-deheb u kienet taf tħenn għall-proxxmu tagħha u dawk il-ftit nies li kienu jafuha mill-viċin dejjem apprezzaw il-kwalitajiet sbieħ tagħha.
Darba fost l-oħrajn Mananni kienet sejra lura lejn darha wara mixja qasira mar-raħal u hekk kif kienet dieħla ġewwa rat mara li xejn ma kienet tidher f’sikkitha. Ġiet bejn ħalltejn jekk tmurx tgħinnha jew le għax din l-istess mara mhux l-ewwel darba li kissritha għax ppruvat tkellimha. Baqgħet tħares lejha mill-bogħod imma wara ftit sekondi ratha titbandal lura u taqa’ mal-art.
Marret tiġri għal ħdejha u bl-għajnuna ta’ raġel ieħor li nzerta kien għaddej mill-istess triq daħluha fid-dar ta’ Mannani u poġġewha fuq is-sufan. Marret tiġri ġġib biċċa u xarbitilha wiċċha. Ftit wara bdiet tistejqer sakemm ġiet f’tahha għal kollox u hemmhekk indunat li kienet tinsab fid-dar ta’ Mannani. Qamet tiġri minn fuq is-sufan u kienet ser toħroġ ‘il barra imma dlonk waqfet milli tagħmel dan. Irrealizzat li kieku ma kienx għal Mannani hi kienet tibqa’ hemm mal-art u forsi meta kienu jindunaw biha kien ikun tard wisq. Daret lura u resqet viċin tagħha.
‘’Grazzi talli għentni’’ qaltilha. Mananni ma weġbitiex imma tbissmitilha u għafsitilha idejha. Kif il-mara rat dan il-ġest nobbli tax-xwejħa qabżulha żewġ demgħat minn għajnejha u fil-waqt li ħaddnitha magħha qaltilha ‘’Jiddispjaċini ta kemm-il darba trattajtek ħażin bl-imġieba tiegħi, issa naf kemm għandek qalbek tajba u nittama li xi darba anka jien inkun ta’ għajnuna għalik. U Mananni weġbietha ‘’Jekk kull meta tarani tieqaf tkellimni flok tinjurani ikun biżżejjed, jien ma tantx għandi ħbieb’’
Hekk kienet magħmulha Mananni, li anke min itiha bis-sieq, jekk xi darba ser jiġi bżonnha hi dejjem kienet hemm lesta biex tgħinu.